Pjan ta' azzjoni Komunitarju rikorrenti

Il-pjan ta’ azzjoni rikorrenti komunitarju (CoRAP) jagħti prijorità lis-sustanzi li għandhom jiġu vvalutati fuq perjodu ta’ tliet snin. Il-valutazzjoni għandha l-għan li tiċċara tħassib li l-manifattura u/jew l-użu ta’ dawn is-sustanzi jista’ jkun ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. Dawn is-sustanzi soġġetti għal valutazzjoni immedjata jiġu elenkati fl-ewwel sena tal-pjan.

L-ECHA taġġorna l-pjan kull sena f’Marzu biex tavvanza l-ippjanar għal sena oħra u biex iżżid sustanzi ġodda. Dan jinkludi r-reviżjoni tas-sustanzi diġà elenkati kif ukoll l-iskedar tagħhom fis-sena rispettiva tal-pjan preċedenti. Stat Membru jista’ jinnotifika sustanza fi kwalunkwe ħin għall-inklużjoni meta jkollu informazzjoni li tissuġġerixxi li din is-sustanza hija prijorità għall-valutazzjoni. L-ECHA tinkludi din is-sustanza fl-aġġornament annwali li jmiss.

Kriterji tal-Għażla

L-ECHA u l-Istati Membri żviluppaw kriterji bbażati fuq ir-riskju għall-għażla tas-sustanzi għas-CoRAP.

Il-kriterji tal-għażla jkopru l-informazzjoni dwar il-periklu (il-persistenza, il-bijoakkumulazzjoni u t-tossiċità potenzjali (PBT), l-interferenza endokrinali, jew il-karċinoġeniċità, il-mutaġeniċità u t-tossiċità għar-riproduzzjoni (CMR)), l-informazzjoni dwar l-esponiment inkluż il-potenzjal tal-esponiment ibbażat fuq l-użu, u l-volumi totali rreġistrati. L-ECHA tuża kriterji relatati mal-periklu u l-esponiment flimkien biex tipprovdi approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

L-Istati Membri jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-CoRAP billi jipproponu sustanzi għall-inklużjoni skont l-Artikolu 45 ta’ REACH. Dawn jużaw kriterji bbażati fuq ir-riskju kif maqbul mal-ECHA.

L-Istati Membri u l-ECHA se jinkludu biss sustanzi fis-CoRAP fejn talba għal aktar informazzjoni tista’ tgħin biex tiċċara t-tħassib inizjali għal dik is-sustanza.

Barra minn hekk, il-kapaċitajiet tal-Istati Membri jistgħu jinfluwenzaw is-sena ta’ inklużjoni ta’ sustanza partikolari fis-CoRAP.

Stabbiliment tas-CoRAP

Wara l-kriterji bbażati fuq ir-riskju stabbiliti, l-ECHA u l-Istati Membri jidentifikaw għadd ta’ sustanzi li jistgħu jiġu inklużi fis-CoRAP. L-Istati Membri jesprimu l-interess tagħhom li jivvalutaw ċerta sustanza sabiex l-ECHA tkun tista’ toħloq abbozz tas-CoRAP bl-isem tas-sustanza, l-Istat Membru li jivvaluta u s-sena ta’ valutazzjoni provviżorja. L-ECHA tippubblika l-abbozz tas-CoRAP kull ħarifa fuq is-sit web tagħha. Il-Kumitat tal-Istati Membri mbagħad jintalab jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz tas-CoRAP.

L-ECHA tadotta l-aġġornament tas-CoRAP abbażi tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Istati Membri. Din tindika t-tħassib għal kull sustanza kif ukoll l-Istat Membru li se jwettaq l-valutazzjoni.

Skeda ta’ żmien

Mid-data tal-pubblikazzjoni tal-aġġornament tas-CoRAP, l-Istati Membri nnominati għandhom sena biex jivvalutaw sustanzi bħal dawn kif speċifikat għall-ewwel sena (jew dik attwali) tas-CoRAP u, fejn meħtieġ, iħejju abbozz ta’ deċiżjoni biex tintalab aktar informazzjoni mir-reġistranti tas-sustanza rispettiva sabiex jiġi ċċarat it-tħassib identifikat (riskji potenzjali).

Għal informazzjoni dwar il-passi ulterjuri tal-proċess, jekk jogħġbok ikkonsulta l-paġna “Proċess ta’ valutazzjoni”.